Fl-okkażjoni tat-80 sena, mit-twaqqif tal Moviment tal-Fokolari, fis-7 ta’ Diċembru 2023, Papa Franġisku laqa’ f’udjenza privata lil Margaret Karram, President tal-Moviment tal-Fokolari, lil Jesús Morán, Ko-President, u lill-membri tal-Kunsill Ġenerali u lil dawk responsabbli tal-Moviment fiż-żoni tad-dinja. Dan li ġej hu d-diskors li għamel il-Papa waqt din l-udjenza.
Għeżież ħuti,
Insellem lill-Kardinal Farrell, lill-president tagħkom Dr. Margaret Karram, lill-ko-president Jesús Morán, lill-membri tal-Kunsill Ġenerali, lid-delegati fiż-żoni u lilkom ilkoll. Grazzi li qegħdin hawn illum, fil-ġurnata li fiha qed tiċċelebraw għeluq it-80 sena mit-twaqqif tal-Moviment tal-Fokolari, li hu magħruf ukoll bħala l-Opra ta’ Marija.
Nirringrazzjakom!
Il-Moviment twaqqaf f’dak il-jum li fih is-Serva t’Alla, Chiara Lubich iddeċidiet li tikkonsagra ruħha lil Alla b’mod sħiħ. Is-sejħa biex tagħti lilha nnifisha lil Alla b’mod radikali twieldet minn ispirazzjoni li hi rċiviet fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum – waqt li kienet qed tagħmel qadja għall-familja – u hi wieġbet għal din is-sejħa ħelwa u qawwija li ħasset f’qalbha. Kien is-7 ta’ Diċembru 1943, fi Trento, meta l-gwerra kienet fl-aqwa tagħha, u kien lejlet is-Solennita’ tal-Immakulata Konċezzjoni, meta l-“iva” ta’ Marija saret l-“iva” ta’ Chiara. U minnha twieldet mewġa ta’ spiritwalita’ li nfirxet mad-dinja kollha biex tgħid lil kulħadd kemm hi ħaġa sabiħa li wieħed jgħix il-Vanġelu b’kelma waħda u sempliċi: unita’. Imma unita’ tfisser ukoll armonija: unita’ armonjuża.
F’dawn it-tmenin sena, intom wassaltu dan il-messaġġ biex jidwi fost żgħażagħ, komunitajiet, famijli, reliġjużi, saċerdoti, isqfijiet; u anki f’oqsma soċjali differenti: mill-qasam tal-edukazzjoni sa dak tal-ekonomija, mid-dinja tal-arti u l-kultura sa dik tal-informazzjoni u l-media; u b’mod partikulari fil-qasam tal-ekumeniżmu u tad-djalogu interreliġjuż. Kontu strument attiv li permezz tiegħu nibtu ħidmiet, inizjattivi, proġetti, u fuq kollox biex “ welled mill-ġdid” konverżjonijiet, vokazzjonijiet, ħajja mogħtija għal Kristu u għal ħutna l-bnedmin. Illum irroddu hajr lil Alla għal dan kollu.
Fi Frar 2021, meta ndirizzajt lill-Assemblea Ġenerali tagħkom, kont sħaqt fuq tlett punti importanti għall-mixja tagħkom: li tgħixu l-kariżma b’fedelta’ dinamika; li tilqgħu l-mumenti ta’ kriżi bħala opportunitajiet biex timmaturaw u li tinkarnaw l-ispiritwalita’ b’koerenza u realiżmu. Li tgħixu l-ispiritwalita’.
Illum irrid nerġa’ nfakkarkom f’dawn il-punti biex inħeġġiġkom tgħixuhom u tippromovuhom fuq dawn it-tlett linji: maturita’ ekkleżjali, fedelta’ lejn il-kariżma u impenn għall-paċi.
Maturita’ ekkleżjali. Nistedinkom taħdmu biex il-ħolma ta’ Knisja sinodali u missjunarja sseħħ dejjem aktar b’mod sħiħ. Ibdew mill-komunitajiet tagħkom billi taraw li jkun hemm parteċipazzjoni u ko-responsabbilta’, anki fuq livell ta’ governanza.
Araw li l-“fokolari” jissaħħu minn ġewwa u li jxerrdu dik il-klima ta’ smigħ reċiproku u sħana tal-familja fejn ikun hemm rispett reċiproku u fejn wieħed jieħu ħsieb tal-ieħor, speċjalment fejn ikun hemm dawk l-aktar dgħajfa u li jeħtieġu sostenn. Biex twettqu dan, jiswa li timxu fit-triqat ta’ parteċipazzjoni u konsultazzjoni reċiproka fil-livelli kollha, u li tagħtu attenzjoni speċjali lill-komunikazzjoni u lid-djalogu sinċier.
Dwar dak li għandu x’jaqsam mat-tieni punt – fedelta’ lejn il-kariżma – infakkarkom fil- kliem tal-Fundatriċi tagħkom : “Lil min jiġi warajk, ħallilu biss il-Vanġelu. Jekk tagħmel dan, l-ideal tal-unita’ jibqa’ […]. Il-Vanġelu jibqa’ u jibqa’ għal dejjem għax iż-żmien ma jagħmilx bih.” (C. Lubich, La Parola di Dio, Rome 2011, 112-113). Jekk jogħġobkom iżirgħu l-unita’ billi twasslu l-Vanġelu, u tħallux li l-opra tal-inkarnazzjoni taħrab minn taħt għajnejkom għax Alla jrid ikompli jwettaqha fina u madwarna permezz tal-Ispirtu tiegħu, biex Ġesu’ jkun l-aħbar it-tajba għal kulħadd, bla ma jitħalla barra ħadd, u biex “lkoll ikunu ħaġa waħda” (Ġw 17:21).
U hekk niġu għat-tielet punt li hu ta’ importanza kbira għal-lum: l-impenn għall-paċi. Wara elfejn sena ta’ Kristjaneżmu, ix-xewqa qawwija għall-għaqda għadha qed tieħu l-forma ta’ karba kbira f’ħafna partijiet tad-dinja, u din il-karba titlob tweġiba. Chiara ħasset din ix-xenqa meta kienet qed tgħix it-traġedja tat-tieni gwerra dinjija, u ddeċidiet li tagħti ħajjitha biex ikun jista’ jseħħ “it-testment ta’ Ġesu”. Sfortunatament, illum d-dinja għadha mifnija bil-ġlied u għad għandha bżonn tal-bennejja tal-għaqda u l-paċi bejn bnedmin u nazzjonijiet.
Chiara qalet: “L-iskop ġenerali tal-Opra ta’ Marija hu li tkun imħabba u li xxerred l-imħabba” (Vġili tal-Pentekoste, Pjazza San Pietru 30/5/1998). Mela, dan hu l-iskop tagħkom: li tkunu mħabba u li xxerrdu l-imħabba. U aħna nafu li l-frott tal-paċi jitnissel biss mill-imħabba. Għalhekk, nitlobkom li tkunu xhieda u bennejja ta’ dik il-paċi li Kristu wettaq bis-salib tiegħu, u li permezz tagħha rebaħ fuq il-mibegħda. Aħsbu ftit: mit-tieni gwerra dinjija ‘l hawn, il-gwerer ma waqfux. U aħna m’aħniex konxji mit-traġedja tal-gwerra.
Nixtieq naqsam magħkom xi ħaġa: meta fl-2014 mort Redipuglia għaċ-ċentinarju tal-Ewwel Gwerra Dinjija, u rajt dak iċ-ċimiterju, bkejt fuq li bkejt. Rajt il-qerda li ġġib magħha l-gwerra.. Kull 2 ta’ Novembru mmur niċċelebra f’xi ċimiterju; l-aħħar darba mort fiċ-ċimiterju tal-Commonwealth u bdejt nara l-etajiet tas-suldati- 22, 24, 18, 30 … kollha ħajjiet li ntemmu bil-gwerra. U l-gwerra għadha sejra, u kulħadd joħroġ tellief. Joħorġu rebbieħa biss dawk li jipproduċu l-armi. Li kieku jiefqu għal sena milli jipproduċu l-armi, kieku l-ġuħ fid-dinja jista’ jiġi fi tmiemu. Terribbli din il-ħaġa. Hemm bżonn naħsbu fuqha din it-traġedja.
Qabel ma nispiċċa, nixtieq nagħmlilkom l-aħħar stedina, li tgħodd ħafna għal dan iż-żmien tal-Avvent: din hi li tishru, li toqogħdu għassa. In-nassa tal-mondanita’ spiritwali dejjem tibqa’ hemm. Għalhekk, intom ukoll tridu toqogħdu attenti biex taġixxu b’mod deċiżiv, koerenti u realistiku. Ejjew niftakru li n-nuqqas ta’ koerenza bejn dak li ngħidu li aħna u dak li aħna tassew hi l-agħar xhieda li nistgħu nagħtu. In-nuqqas ta’ koerenza.
Jekk jogħġobkom, oqogħdu attenti. U r-rimedju hu li dejjem nerġgħu mmorru għall-Vanġelu; fih hemm l-għeruq tal-fidi tagħna u tal-istorja tagħna: il-Vanġelu tal-umilta’, ta’ servizz mogħti bla ma tistenna xejn, ta’ sempliċita’.
Jien dejjem nieħu gost niftakar li intom qrib ħafna tas-sigriet t’Alla, l-erba’ sigrieti t’Alla. Hemm erba’ affarijiet li Alla ma jirnexxilux jifhimhom: ma jafx kemm hemm kongregazzjonijiet tar-reliġjużi nisa; ma jafx x’inhu l-ħsieb tal-Ġiżwiti; ma jafx kemm għandhom flus is-Salesjani, u ma jafx għajfejn jidħku l-fokolarini!
Għeżież ħuti, kif ġa għidna, intom l-Opra ta’ Marija; kienet Marija li akkumpanjatkom matul dawn it-80 sena, u intom tafu li hi żgur qatt ma tieqaf tagħmel dan. Jalla l-Verġni ta’ Nażaret tibqa’ tkun l-għajn tal-faraġ u l-qawwa tagħkom biex intom tkunu appostli tal-unita’ waqt li tkunu ta’ servizz għall-Knisja u għall-umanita’. Grazzi għal dak li intom u għal dak li tagħmlu! Komplu l-mixja tagħkom b’fiduċja. Inberikkom b’qalbi kollha u jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Grazzi.
Papa Franġisku
Sors: www.vatican.va
Traduzzjoni: Vivienne Attard
Be the first to comment