Qatt ħsibt x’qawwa kbira għandha l-Kelma t’Alla?

Jekk tieħu f’idejk il-ktieb “Ngħixu l-Kelma” tiskopri li l-Kelma hi għajn ta’ barka, issaħħaħ il-fidi, timla bit-tama, tkattar il-ferħ (…). Kif jgħid Papa Franġisku: “Il-Kelma turina min hu Alla, twassalna għand il-bniedem, tinfed ir-ruħ tagħna, tfarraġna u fl-istess ħin tqanqalna biex naġixxu u nersqu lejn il-ġrieħi tal-umanità.”

Dan il-ktieb hu publikazzjoni oħra bil-Malti li l-Moviment tal-Fokolari nieda fit-18 ta’ Novembru li għadda. Fih ġabra ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, traduzzjonijiet ta’ kitba bit-Taljan li ħarġet mill-pinna ta’ Chiara Lubich, il-fundatrici tal-Fokolari.

Forsi tistaqsi: il-Kelma tal-Ħajja xinhi? It-tweġiba  għal din il-mistoqsija teħdok lura lejn l-ewwel żmenijiet tal-Moviment meta Chiara Lubich u sħabha kienu qed jgħixu l-kruha u l-qerda tat-tieni gwerra dinjija. Spiss kien ikollhom imorru jfittxu l-kenn fix-xelters u kienu jieħdu magħhom il-ktieb ċkejken tal-Vanġelu. Fid-dawl tax-xemgħa, kienu jiftħu paġna mill-Vanġelu u jaqrawha.

U bil-mod il-mod  bdew jiskopru  l-valur ta’ dak il-kliem li għandu l-qawwa  ġġib bidla mhux biss fl-individwu imma wkoll fis-soċjeta’. Il-kliem tal-Vanġelu beda jsir kodiċi ta’ ħajja għall-komunita’ li kienet qiegħda titwieled; u allura, mhux biss  jaqrawh imma jgħixuh. Chiara bdiet tieħu silta mill-Vanġelu u  tikteb kumment dwarha biex min jaqra s-silta jkun jista’ jidħol aktar fil-fond tal-Kelma u jgħixha. Hekk bdiet  il-Kelma tal-Ħajja!

Mill-1943 sal-1978 hi kitbet diversi ħsibijiet u kummenti fuq siltiet mill-Kotba Mqaddsa,  imma kien fl-1978, meta ċirkostanzi importanti fl-Italja xprunawha biex tikteb hi regolarment il-Kelma tal-Ħajja ta’ kull xahar. Il-Kelma tal-Ħajja hi parti mill-ħajja tal-Moviment u  għadha sallum tasal għand miljuni ta’ nies fid-dinja kollha  b’mezzi diversi.

Mill-1978 sakemm waslet biex mietet,  Chiara kitbet  madwar 350 Kelma tal-Ħajja li 100 minnhom jinsabu fil-ktieb Ngħixu l-Kelma. Ma kienx faċli tasal għall-għażla ta’ 100 Kelma tal-Ħajja  meta għandek f’idejk il-Kelma t’Alla b’kummenti siewja li joffru proposti konkreti u jittrażmettu konvinzjoni u tama.

Id-daħla għal dan il-ktieb saret mill-Eċċ. Tiegħu Mons Arċisqof Charles J. Scicluna, fil-waqt Mons Charles Cordina  jagħti l-esperjenza personali tiegħu dwar l-għajxien tal-Kelma. Hemm ukoll kitba li tagħti ħjiel dwar il-Kelma t’Alla fil-ħajja ta’ Chiara u tal-Moviment tal-Fokolari u xi ftit esperjenzi qosra, xhieda li l-għajxien tal-Kelma jibni l-komunita’.

F’Ngħixu l-Kelma wieħed isib ftit mill-wirt spiritwali kbir li ħalliet Chiara Lubich, u jiskopri  dik il-ħarsa profonda ispirata mill-Vanġelu, li titfa’ dawl fuq diversi aspetti tal-ħajja umana. Fil-waqt li joffri kontenut għal riflessjoni u meditazzjoni, il-ktieb iwassal lill-qarrej biex jiskopri jew jiskopri mill-ġdid li l-messaġġ tal-Vanġelu hu għal kulħadd u li fih hemm dawk il-valuri essenzjali li l-qalb tal-bniedem tixxennaq għalihom u d-dinja tagħna tant teħtieġhom.

Vivienne Attard

 


Ġabra ta’ 100 Kelma tal-Ħajja, meħuda minn madwar 350 li Chiara Lubich, il-Fundatriċi tal-Moviment tal-Fokolari, kitbet bejn l-1943 u l-2008. Il Kelma tal-Ħajja tġgi ppublikata f’iktar min 96 lingwa, fosthom anke bil-Malti.
© Moviment tal-Fokolari, Malta
© Fondazzjoni Dinja Magħquda – Moviment tal-Fokolari (Malta)
ISBN: 978-9918-0-0656-4
Prezz: €10

Dan il-ktieb jista’ jinxtara mingħand Emmaus Bookshop, Triq S. Sommier, Birkirkara, BKR 4611, Malta. Tel. 2149 8343, email: info@emmausmalta.com

U anki miċ-Ċentru tal-Moviment tal-Fokolari, Tel. 21385801, email: focolare.malta@outlook.com

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.