Eli Folonari temmet il-vjaġġ tagħha fuq din l-art

Twieldet Milan, fit-8 ta’ Frar 1926 f’familja ta’ neguzjanti u kienet il-kbira fost tmien ulied. Kellha 25 sena u kienet ġa ħadet il-lawrja fl-Ekonomija meta semgħet bil-Moviment tal-Fokolari li kien għadu fil-bidu tiegħu. Dik l-istess sena, waqt li kienet għall-vaganzi tas-sajf mal-familja, ħadet sehem f’Mariapoli li kienet qed issir f’Tonadico, fl-Italja ta’ Fuq. Hemmhekk iltaqgħet ma’ Chiara.

Fl-1951 marret Ruma, u ma damitx ma bdiet għal Eli l-avventura tal-ħajja ta’ unita’ fil-Fokolare. Hi stess tgħid li għexet “avventura divina”. Din il-ħajja qrib tal-fundatriċi wasslitha biex tkun fil-qalba tal-ħajja kollha tal-Opra ta’ Marija.  Kienet ma’ Chiara tħoss il-qalb tħabbet għall-Moviment li kien qed jikber u jinfirex; qasmet magħha s-snin diffiċli meta kien qed tkun studjat mill-Knisja.  Akkumpanjat lil Chiara fil-vjaġġi kollha li għamlet fil-ħames kontinenti; kienet magħha anki meta din ġiet Malta biex tirċievi lawrja honoris causa mill-Universita’ tagħna.

Għexet mill-qrib il-laqgħat li  Chiara kellha ma’ personalitajiet fil-qasam ekkleżjali, fosthom il-laqgħa mal-Papa Pawlu VI, mal-Papa’ Ġwanni Pawlu II, ma’ Madre Teresa ta’ Kalkutta, mal-Patrijarka Ekumeniku Athenagors I kif ukoll ma’ mexxejja ta’ Knejjes oħra, ta’ Movimenti ekkleżjali u ma’ leaders  ta’ reliġjonijiet oħra;  u anki bosta laqgħat ma’ mexxejja u personalitajiet tad-dinja ċvili.

Eli segwiet b’mod partikulari l-iżvilupp tal-meżżi ta’ komunikazzjoni fil-ħajja tal-Moviment. Fost dawn ta’ min isemmi ċ-Ċentru Santa Chiara Awdjoviżivi u l-konferenza telefonika kollettiva li  tat bidu għal dak li llum nafuh bħala Kollegament CH.

Hi temmet il-vjaġġ tal-ħajja fuq l-art fis-26 ta’ Novembru 2018, fl-eta’ ta’ 92 sena. Fil-profil mogħti  waqt il-funeral tagħha li  sar fiċ-Ċentru Mariapoli ta’ Castel Gandolfo spikkat ħajja  ta’ fedelta’, sapjenza, trasparenza ……, għotja sħiħa  ta’ min jagħżel  bis-serjeta’ li jgħix sabiex il-bnedmin ikunu tassew aħwa ta’ xulxin.

Be the first to comment

Leave a Reply

Your email address will not be published. See our website data policy in the footer below.


*


This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.